Għaliex ir-Rispett?

Bħala Spiritual Development in Schools team qed nipproponu set ta’ riżorsi addattati skont l-etajiet tal- istudenti li jistgħu jintużaw bħala class/bubble assembly. Dawn l-ħsibijiet huma maħsubin li jkabbru aktar għarfien u apprezzament lejn il-valur tar-rispett kemm dak personali kif ukoll dak reċiproku. F’dawn iż-żminijiet b’mod partikolari huwa mperattiv li nuru r-rispett lejn Alla, lejn nfusna, lejn xulxin u lejn kull forma ta’ ħajja li biha d-dinja tagħna hija mżejna.

Ir-rispett lejn xulxin u lejn id-dinja huma meqjus bħala valur bażiku fir-relazzjonijiet tagħna biex ngħixu fil-paċi. Bħal valuri oħra r-rispett m’għandniex noħduh for granted imma kontinwament għandna nesplorawh u nħalluh jiċċelinġja s-sistema tal-valuri personali u komunitajri. Għaliex għandi nirrispetta lili nnifsi, lill-oħrajn lill-ħolqien u lill-Ħallieq? Ma nistgħux ngħaddu mingħajr ir-rispett? Sa fejn għandi nasal fir-rispett? Hemm attitudnijiet jew azzjoniijet li għalija huma rispett imma fil-fatt mhumiex? Kif ser ninduna?

Bħala persuni ta’ fidi u b’mod partikoalri bħala Insara, nemmnu li l-ewwel rispett u mħabba li rċevejna huwa minn Alla li tana d-don tal-ħajja, don li rċvejnieh mhux għax kellna dritt għalih imma ingħata lilna b’xejn. “U hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.” (1Gw 4, 10)

Rispett minn Alla u lejn Alla

Aktar ma nagħrfu l-imħabba li Alla l-Missier għandu għalina permezz tal-Ħolqien u fuq kollox billi tana lill-Ibnu Ġesù biex isalvana minn dak kollu li jeqred il-ħajja, aktar napprezzaw dan id-don tal-ħajja. Jekk Alla jħobbni daqshekk, x’ser tkun ir-risposta tiegħi għal din l-imħabba? Ma nista’ nagħtih xejn ħlief li nħobb lura lil Alla u lill-ħolqien tiegħu kollu. Li nagħraf li Alla hu preżenti fil-profond ta’ ħajti huwa proċess li importanti nikbru fih matul minn meta nkunu żgħar. Għalhekk li nitolbu jfisser li nagħraf kemm Alla jirispettani għax preżenti kontinwament miegħi u għax qed jurini permezz tal-Kelma tiegħu, tal-Ewkaristija u ta’ diversi aspetti oħra kemm huwa Alla li jħobbna u li aħna ġejna mogħtija ħajja bi skop

Rispett mill-ħolqien u lejn il-ħolqien kollu

Aħna lkoll qed ngħixu f’din id-dar komuni tagħna, dar li fiha tul il-vjaġġ ta’ ħajjitna, irridu nitgħallmu ngħixu fil-paċi biex nirrispettaw l-armonijia tal-ħolqien u fejn din l-armonija ġiet imxekkla jew imkissra, naħdmu biex ikun hemm rikonċiljazzjoni. Li naħgraf is-sbuħija tal-kreaturi differenti u tal-ekosistemi li jeżistu madwarna b’mod speċjali fl-aktar ambjenti remote f’pajjiżna u madwar id-dinja, iqanqlu fina rispett lejn dak dan il-ħolqien li rċevejna mhux biex nipprseduh u nimmanipulawh għal-gwadann tagħna imma biex napprezzawh u ngħixu lkoll flimkien fil-paċi.

Rispett lejja nnifsi

Jien għandi nirrispetta lili nnifsi billi tul il-vjaġġ ta’ ħajti nagħraf aktar lili nnifsi bħala l-wild ta’ Alla, bħala bniedem maħbub, fl-esperjenzi tiegħi, fil-passat u t-tama tal-futur, fir-relazzjonijiet li għandi. Nagħraf aktar kemm iħobbni Alla fil-grazzji li jiprovdili speċjalment fil-ħniena li jurini għad-dnubieti, għal meta ma nħobbx u ma nirrispettax lilu, lill-ħolqien fosthom lil ħuti l-bnedmin.

Rispett mill-oħrajn u lejn l-oħrajn

Fl-istorja ta’ ħajjitna għandna ħafna relazzjonijiet ma’ persuni oħra l-ewwelnett mal-familji tagħna. Fid-dinja m’hawn xejn perfett u xi drabi l-ewwel ma naħsbu ikun aktar fl-uġigħ li nġarrbu. Madanakollu importanti li nagħrfu r-rispett li ħaddieħor għandu għalina, kemm ħadu ħsiebna, kemm għalmuna u ħadu paċenzja bina. Huwa dan l-apprezzament għal dan ir-rispett li jkompli jgħinna nikbru f’li nsiru persuni li nirrispettaw lil xulxin, f’li nagħtu ħin lil xulxin u naħsbu aktar fl-interessi ta’ ħaddieħor milli fl-interessi tagħna. Dan ikun faċli li ngħixuh ma’ min jaqbel magħna, jew ma’ min ma nissuspettawx ħażin fih. Għalhekk importanti li nkunu nafu kif inħossuna dwar persuni li nissuspettaw fihom jew hemm ċertu biża’ dwarhom. Huwa parti mir-rispett li noħolqu okkażjonijiet fejn niltaqgħu ma’ dawn il-persuni u b’hekk il-biżat li jkollna innaqsuhom.