Weekly Assembly

It-Tieni Term - It-Tielet Ġimgħa

18 - 22 Jannar 2021

Merħba

Il-kap, l-assistenti kapijiet jew l-edukatur li qed imexxi l-assembly jindirizza lill-istudenti b’mod pożittiv billi jawgura l-għodwa t-tajba lil kulħadd. Tista' tibda l-assembly bir-radd tas-salib: "Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen."


Introduzzjoni

Din hija ġimgħa speċjali ħafna għal dawk fostna li huma Nsara. Dan għaliex din hija Ġimgħa ta’ Talb għall-għaqda tal-Insara. Nistedinkom biex naraw dan il- vidjow qasir:

Week of Prayer for Chirstian Unity

Ħsieb Riflessiv

Kif smajna matul dan il-vidjow dwar il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara tas-sena 2015, din il-Ġimgħa hija avveniment annwali. Li nitolbu għall-għaqda fost l-Insara, kemm jekk aħna Nsara u anke jekk le, huwa mod sabiħ kif nuru rispett lejn xulxin. It-tema magħżula għall-Ġimgħa ta’ Talb ta’ din is-sena hija; “Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott;” (Ġwanni15:5-9)

L-unjoni fost l-Insara tfisser li l-Insara jagħrfu li kollha qed jgħixu fl-imħabba tas-Salvatur tagħna Ġesu Kristu. Tfisser li l-Insara jgħixu bħal aħwa. Ifisser li l-Insara jiffukaw fuq Ġesù anke jekk minn barra dan jesprimuh b’modi differenti. Dan il-ħsieb nistgħu nifhmuh aħjar permezz ta’ dan il- vidjow:

Talba

It-talb huwa djalogu/ diskursata bejnna u bejn Alla. Meta nikkomunikaw xi drabi ngħidu aħna iżda drabi oħra nsikktu lilna nfusna biex hekk nisimgħu lill-persuna l-oħra. Dalgħodu qabel ma aħna ser inkellmu lil Alla, ser nisimgħu dak li Alla jixtieq iwasslilna biex aħna naħsbu dwaru.

Hawn ser naraw 8 kwotazzjonijiet li qed jiġu proposti għal waqt din il-Ġimgħa ta’ Talb.

Alla li jsejħilna: “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom.” (Ġw 15:16a)

Maturazzjoni ġewwinija/interna: “Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom.” (Ġw 15:4a)

Għaqda f’ġisem wieħed: “li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien.” (Ġw 15:12b)

Nitolbu flimkien: “Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb.” (Ġw 15:15)

Inħallu l-Kelma ta’ Alla tbiddilna: “Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għidtilkom.” (Ġw 15:3)

Nilqgħu lil ħaddieħor: “u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’.” (Ġw 15: 16b)

Nikbru fl-għaqda: “Jiena d-dielja, intom il-friegħi.” (Ġw 15:5a)

Rikonċiljazzjoni mal-ħolqien kollu: “Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.” (Ġw 15:11)


O Alla tal-għaqda u l-paċi nitolbuk biex l-Insara jingħaqdu miegħek u ma’ xulxin sabiex bil-grazzja tiegħek iwasslu madwar id-dinja l-imħabba tiegħek kull fejn imorru u f’kull ma jgħidu u jagħmlu. Ammen.

Niżżel dan il-pjan bħala PDF