Attività all-Avvent

Niċċelebraw bis-Sens: Importanti li nkunu ppreperati

Għan: Nippreparaw rwieħna għat-twelid ta’ Ġesù waqt l-Avvent.

X’ser nitgħallmu (W.A.L.T.):

  • Nagħrfu l-potenzjal li għandna bħala bnedmin biex b’mod ħieles nilqgħu l-Imħabba ta’ Alla f’qalbna u f’ħajjitna.

  • Nirriflettu fuq il-mumenti mgerfxin (messy) fil-ħajja tagħna, fl-esperjenzi li jħawwduna u fit-tamiet u l-ħolm tagħna li mhux tant ċar.

  • Nagħtu tifsira lil dan iż-żmien tal-Avvent.

  • Nirrikonoxxu l-importanza ta’ dan iż-żmien tal-Avvent.

  • Nevalwaw modi differenti ta’ kif nistgħu ngħixu b’ mod sħiħ dan iż-żmien tal-Avvent.

Ħin: 45 min

Ir-Riżorsi:

Introduzzjoni - 5 min

Wara li jilqa’ lill-istudenti li ser ikunu qed jipparteċipaw f’din l-attività, id-direttur spiritwali jara li kulħadd sab postu, iħalli ftit minuti fis-skiet biex kulħadd jkun jista’ jinġabar u jara li għandu l-attenzjoni tal-parteċipanti.

Id-Direttur Spiritwali jitlob lill-istudenti biex jieqfu u jaraw dan il-film qasir:

Pass 1 - 5 min

Il-ħsieb li jrid jiżvolġi wara l-vidjo:

  • Xi ħadd jixtieq jgħaddi xi kumment fuq dak li rajna, xi ħsieb, jew xi ħaġa li ġiet f’moħħkom?

Spazju għall-esperjenzi u l-ħsibijiet tagħhom...


  • Għalfejn taħsbu li llum għażilt li nibda billi nurikom dan il-vidjo?

Wara li jinġabru t-tweġibiet tagħhom naslu għall-konklużjoni li għaliex qed joqrob il-Milied.


  • Allura jekk il-Milied qiegħed fil-qrib mela dan iż-żmien li qegħdin fih x’insejħulu?

Iż-żmien ta’ qabel il-Milied hu l-Avvent.


  • Taħsbu li l-klipp li rajna għandu b’xi mod x’jaqsam mal-Avvent?

Permezz tad-diskussjoni jitwassal il-ħsieb li waqt dan iż-żmien tal-Avvent Ġesù qiegħed iħabbat fuq il-bibien ta’ qalbna. Ser inħalluh jidħol?


Pass 2 - 5 min

Wara ftit sekondi ta’ riflessjoni id-direttur spiritwali jerġa’ jistaqsi l-mistoqsija: Ser tħallih jidħol?

Jista’ jkun li dan il-vidjo klipp jgħinkom taslu għal xi tip ta’ tweġiba:

Skit Guys - Sticky Jesus

Pass 3 - 10 min


Il-ħsieb li jrid jiżvolġi wara l-vidjo:

Fuq biċċa karta ikteb kelma waħda li ġiet f moħħok wara li rajt dan il-vidjo qasir (jekk ikun hemm il-possibiltà li jintuża’ mentimeter tool il-kliem li jiktbu l-istudenti jkunu jistgħu jiġu ppreżentati b’mod aktar effettiv biex ikun jista’ jsir ħsieb dwarhom).

L-enfasi ssir fuq il-kelma messy…li forsi huma jinterpretaw bħala mgerfex jew imħawwad. Hekk il-ħsieb ta’ qabel ikun jista’ jkompli jiżvolġi:

  • Ser tħallih jidħol f’ħajtek u f’qalbek ankè fit-tgerfix, f’dak li forsi għalik ma jagħmilx sens, fil-ħsibijiet, fil-mistoqsijiet u d-dubji tiegħek?

  • Ser tħallih jiġi għandek u miegħek fit-tgerfix forsi li tesperjenza ma’ nies qrib tiegħek, familja u ħbieb?

  • Ser tħallih ikun parti mill-ħolm tiegħek anke jekk inti stess għadek ma tafx eżatt xi trid minn ħajtek?


Pass 4 - 10 min

What is Advent?

Kif ser tipprepara lilek nnifsek biex tilqgħu? Dawn il-punti li joħrġu mill-vidjo jerġgħu jiġu mwassla.

  • Nitlob – nitkellem iktar m’a Alla dwar dak li nkun qed inħoss, dwar il-ħsibijiet tiegħek u l-ħolm u x-xewqat tiegħek.

  • Inħobb b’mod konkret lill-oħrajn.

  • Ninkoraġixxi lil min ikun qed jaqta’ qalbu.

  • Naqsam il-ferħ tiegħi speċjalment ma’ min jibda biex jingħalaq fir-rabja u d-dwejjaq.

  • Infittex li nġib il-paċi ma’ kull min niltaqa’.


Konklużjoni - 5 min

Bħala konklużjoni ta’ din l-attività ser isir ftit ħin fit-talb. L-istudenti ser jiġu ggwidati biex jitolbu/jitkellmu ma’ Alla u jistaqsuh biex jgħinhom jgħixu u jiċċelebraw l-Avvent bis-sens. Dawn il-links jistgħu jintużaw bħala mużika fl-isfond waqt dan il-ħin ta’ talb.

Advent Activity 2020 Mt Middle and Secondary Years.pptx

Niżżel il-pjan bħala PDF

Celebrate in Style - Malti - Senior Years.pdf