Weekly Assembly

It-Tieni Term - Ir- Raba' Ġimgħa

25 - 29 Jannar 2021

Merħba

Il-kap, l-assistenti kapijiet jew l-edukatur li qed imexxi l-assembly jindirizza lill-istudenti b’mod pożittiv billi jawgura l-għodwa t-tajba lil kulħadd. Tista' tibda l-assembly bir-radd tas-salib: "Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen."


Introduzzjoni

Din il- ġimgħa, fil-31 ta’ Jannar ser niċċelebraw il-festa ta’ San Ġwann Bosco. Ejjew insiru nafu xi ftit aktar lil dan il- qaddis u l-ħajja tiegħu permezz ta’ dan il-vidjow qasir.

Once Upon a Saint - San Ġwann Bosco - 31 ta’ Jannar.

Ħsieb Riflessiv

San Ġwann Bosco kien eroj ta’ veru! Il- forza u l-poteri tiegħu (is-superpowers) kienu l-qalb tajba u l-imħabba. Kien Alla li tah dawn is-super poteri. Alla jagħti lilna wkoll dawn il- qawwiet. Aħna lkoll għandna l-qawwa li nkunu nies ta’ qalb tajba u l-kapaċità li nħobbu. Dawn il-qawwiet jgħinuna biex nuru rispett lejn kulħadd. B’dawn il-poteri nistgħu nuru rispett lejn il-priġunieri u l-familji tagħhom, rispett lejn dawk bla dar u rispett lejn dawk li qed jitħabtu ma’ xi vizzju. Jekk, bħal San Ġwann Bosco, nuru qalb tajba u mħabba sinċiera lejn kull min hu mwarrab jew qed ibati, Alla jkun jista’ juri lil dawn in-nies li jħobbhom permezz tagħna. Bħalma Alla ħabb lin-nies li kienu mwarrba permezz ta’ San Ġwann Bosco, hekk Alla jrid li jħobb lil kulħadd permezz tagħna.

(Bħala skola tistgħu tiftħu iktar il-ħsieb u torganizzaw xi crafts fil-klassijiet relatati ma’ dawn is-superpoteri tal-imħabba u l-qalb tajba.)


Talba

Missierna li inti fis-smewwiet, nirringrazzjawk tal-ħajja u l-eżempju ta’ San Ġwann Bosco. Nirringrazzjawk għaliex lilna wkoll inti tajtna l-qawwa biex inkunu nies ta’ qalb tajba, biex inħobbu u nirrispettaw lil kulħadd. Nitolbuk tfarraġ u timla bit-tama lill-priġunieri, lill-familji tagħhom, lil dawk li jinsabu bla dar jew bla xogħol u lil dawk kollha li qed ibatu minħabba xi tip ta’ vizzju. Ammen.

Niżżel dan il-pjan bħala PDF